News

News - Web Releases 2015

03/06/2015

Klassifika tal-Bank Ċentrali ta’ Malta fir-rigward tal-Banek skont ir‑Rilevanza Sistemika

Fl‑edizzjoni tal‑2011 tar‑Rapport dwar l‑Istabbiltà Finanzjarja (FSR), il‑Bank Ċentrali ta' Malta ppubblika l‑metodoloġija użata biex jikklassifika l‑banek f'termini ta' rilevanza sistemika.1 Il‑metodoloġija hi bbażata fuq ħames kriterji wesgħin li jirriflettu d‑daqs, is‑sostitwibbiltà u l‑konnettività; imbagħad għal kull kriterju ġew assenjati piżijiet kif ġej:

(i) kreditu lir‑residenti [30%]: kreditu lir‑residenti mill‑bank i bħala proporzjon tat‑total ta' self lir‑residenti;
(ii) depożiti tar‑residenti [30%]: depożiti tar‑residenti tal‑bank i bħala proporzjon tat‑total ta' depożiti tar‑residenti;
(iii) investimenti f'bonds domestiċi [13.3%]: bonds domestiċi miżmuma mill‑bank i bħala proporzjon tat‑total ta' bonds domestiċi pendenti;
(iv) obbligazzjonijiet kontinġenti tar‑residenti [13.3%]: obbligazzjonijiet kontinġenti residenti tal‑bank i bħala proporzjon tat‑total ta' obbligazzjonijiet kontinġenti residenti tas‑settur bankarju;
(v) kapitalizzazzjoni tas‑suq [13.3%]: valur fis‑suq ta' ishma jew bonds tal‑bank i bħala proporzjon tat‑total tal‑kapitalizzazzjoni tal‑banek f'Malta. 

Abbażi ta' din il‑metodoloġija, ġew identifikati tliet kategoriji, li kull waħda minnhom għandha livell differenti ta' rilevanza sistemika, jiġifieri, core domestic banks, non‑core domestic banks u banek internazzjonali.

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta ddeċieda li dan l‑eżerċizzju għandu jsir kull sentejn biex jiżgura li l‑pożizzjoni ta' kull bank fil‑kategorija rilevanti tiegħu tibqa' valida. Jekk jitqies meħtieġ, l‑eżerċizzju jista' jsir qabel biex jiġi aċċertat li kull żvilupp fil‑qasam tas‑settur bankarju u implikazzjonijiet sistemiċi anċillari relatati jiġu identifikati fil‑ħin. L‑eżerċizzju reġa' sar għall‑edizzjoni tal‑FSR tal‑2013, fejn FCM Bank Limited ġie ri‑klassifikat minn bank internazzjonali għal non‑core domestic bank.

F'Jannar 2015, il‑Bank Ċentrali ta' Malta reġa' rrepeta l‑eżerċizzju bl‑użu tad‑data ta' tmiem l‑2014.  Ir‑riżultati reġgħu kkonfermaw li l‑ħames core domestic banks attwali għadhom l‑istituzzjonijiet ta' kreditu l‑aktar sistemikament rilevanti f'Malta. Barra minn hekk, din il‑metodoloġija bbażata fuq l‑indikaturi wriet li Mediterranean Bank p.l.c. kompla jżid ir‑rilevanza domestika tiegħu, prinċipalment permezz ta' orjentazzjoni favur depożiti tar‑residenti, iktar investimenti f'titoli domestiċi, u permezz tal‑akkwist ta' Volksbank Malta Limited li ngħata l‑isem ġdid ta' Mediterranean Corporate Bank, fl‑2014. Bħala riżultat ta' dan l‑aħħar żvilupp, dan il‑grupp kompla jżid il‑preżenza tiegħu lokalment permezz ta' iżjed self lir‑residenti.2 F'dan ir‑rigward, il‑Kumitat għall‑Istabbiltà Finanzjarja tal‑Bank Ċentrali ta' Malta qabel li dan il‑grupp bankarju, fuq livell subkonsolidat, se jitqies bħala core domestic bank mill‑ħarġa li jmiss tal‑Financial Stability Report Update 2015, li se jkopri l‑iżviluppi fis‑sistema finanzjarja tul l‑ewwel sitt xhur tal‑2015.

Barra minn hekk, ir‑riżultati wrew ukoll li Credit Europe N.V. Malta Branch, li qabel kien ikklassifikat bħala non‑core domestic bank, issa se jiġi riklassifikat bħala bank internazzjonali. Din il‑bidla kienet sostnuta mix‑xejra ta' tnaqqis fid‑depożiti residenti tiegħu matul is‑snin li għaddew, u dan wassal għal rabtiet negliġibbli mal‑ekonomija domestika.

Sussegwentement dawn id‑deċiżjonijiet ġew approvati mill‑Bord Konġunt għall‑Istabbiltà Finanzjarja fis‑27 ta' Frar 2015. Bħala riżultat ta' dawn l‑operazzjonijiet ta' riklassifika, mill‑2015 il‑banek li bħalissa joperaw f'Malta se jiġu kklassifikati kif jidher fit‑Tabella 1.

 Tabella 1

1 Għal spjegazzjoni dettaljata tal-metodoloġija adottata ara l-Artiklu Speċjali fl-FSR 2011, p. 47.
2 Għall-finijiet ta' dan l-eżerċizzju, il-kelma "grupp" tirreferi għall-grupp bankarju fil-livell sub-konsolidat, li jinkludi Mediterranean Bank p.l.c. u Mediterranean Corporate Bank p.l.c.

Lura lejn l-Arkivju