Payment Systems

Sistemi ta’ pagament interbankarju

Il‑fluss bla xkiel ta’ fondi fi ħdan sistema finanzjarja jiddependi mill‑arranġament effikaċi għat‑trasmissjoni, l‑ikklerjar u s‑saldu ta’ pagamenti f’ambjent mingħajr riskji. Għalhekk, il‑banek ċentrali madwar id‑dinja għandhom jagħmlu arranġamenti għas‑saldu f’waqtu u sigur ta’ pagamenti ta’ valur għoli.

Bħala riżultat tal‑adozzjoni tal‑euro min‑naħa ta’ Malta, il‑Bank Ċentrali ta’ Malta ssieħeb fit‑TARGET2 li hi sistema ta’ pagamenti ta’ valur għoli. It‑TARGET2 hi t‑tieni ġenerazzjoni tat‑TARGET, akronimu għal Trans‑European Automated Real‑time Gross settlement Express Transfer system (Sistema Trans‑Ewropea Awtomatizzata għat‑Trasferiment Malajr bi Ħlas Gross f’Ħin Reali). It‑transazzjonijiet bit‑TARGET2 jitħallsu bi flus tal‑banek ċentrali u jkunu koperti b'finalità immedjata.

Il‑Bank iħaddem it‑TARGET2‑Malta, li flimkien mal‑banek ċentrali nazzjonali komponenti l‑oħra kollha tal‑UE jiffurmaw it‑TARGET2. Qabel l‑adozzjoni tal‑euro, il‑Bank Ċentrali ta’ Malta kien iħaddem is‑sistema għall‑ħlas gross f’ħin reali għal‑Lira Maltija msejħa MaRIS.

TARGET2‑MALTA

Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta ssieħeb fit‑TARGET2 minn meta bdiet tiffunzjona fid‑19 ta’ Novembru 2007 bħala pajjiż barra ż‑żona tal‑euro. Meta Malta ssieħbet fiż‑żona tal‑euro fl‑1 ta’ Jannar 2008, il‑Bank Ċentrali ta’ Malta sar parti mill‑Eurosistema, u b’hekk beda jipparteċipa fit‑TARGET2 bħala pajjiż taż‑żona tal‑euro. Fi ħdan l‑Eurosistema, it‑TARGET2 ħadet post il‑pjattaformi tekniċi deċentralizzati tat‑TARGET, li ma kinux joffru teknoloġija u servizzi standardizzati.

Is‑sistema RTGS il‑ġdida, tiffunzjona fuq Pjattaforma Unika Komuni (SSP), u hi operata minn tliet banek ċentrali tal‑Eurosistema, jiġifieri l‑Banca d'Italia, il‑Banque de France u d‑Deutsche Bundesbank, f'isem l‑Eurosistema.

L‑istituzzjonijiet ta’ kreditu li jipparteċipaw direttament jistgħu jittrasferixxu pagamenti denominati f'euro, f'ħin reali, mill‑kont bankarju tagħhom fuq il‑Pjattaforma Unika Komuni (SSP). Il‑parteċipanti li jkunu konnessi indirettament jagħmlu l‑pagamenti tagħhom permezz ta' parteċipant dirett, billi jużaw il‑kont bankarju tal‑parteċipant dirett fuq l‑SSP. Is‑sistema hi disponibbli bejn is‑7.00 CET (ħin ċentrali Ewropew) u 18.00 CET mit‑Tnejn sal‑Ġimgħa, bl‑eċċezzjoni ta’ sitt btajjel uffiċjali, jiġifieri l‑1 ta' Jannar, il‑Ġimgħa l‑Kbira, Tnejn il‑Għid, l‑1 ta' Mejju u l‑25 u s‑26 ta' Diċembru. L‑Eurosistema tħallas l‑operazzjonijiet tal‑politika monetarja tagħha permezz tas‑sistema TARGET2.

Il‑benefiċċji ewlenin tat‑TARGET2 jinkludu:

  1. gwadann ta’ effiċjenza ogħla tal‑ispejjeż li jirriżultaw mill‑implimentazzjoni ta’ sistema ċentralizzata, ħaġa li twassal għal tnaqqis sostanzjali fl‑ispejjeż operazzjonali u ta’ manutenzjoni;
  2. flessibbiltà tas‑sistema li faċilment tista’ tiġi adattata fil‑futur;
  3. il‑ġenerazzjoni ta’ ekonomiji fil‑kobor, li jwasslu għal tnaqqis imdaqqas fl‑ispejjeż, flimkien ma’ prezzijiet standardizzati għal pagamenti domestiċi u transkonfinali;
  4. kundizzjonijiet ugwali għall‑utenti kollha;
  5. servizzi wesgħin u flessibbli għall‑maniġġ tal‑likwidità biex ilaħħqu mat‑talbiet tal‑utenti; 
  6. livell għoli ta’ disponibbiltà u kontinwità tan‑negozju.