Il‑Gvernatur Scicluna jattendi laqgħa informali tal‑Kunsill ECOFIN fis‑Slovenja
Il‑Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, il‑Professur Edward Scicluna, flimkien mal‑Ministru tal‑Finanzi u l‑Impjiegi, l‑Onorevoli Clyde Caruana, attenda l‑Laqgħa Informali Konġunta tal‑Kunsill għall‑Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji (ECOFIN), li saret fis‑Slovenja fl‑10 u fil‑11 ta' Settembru 2021. F'din il-laqgħa, organizzata mill-Presidenza Slovena tal-Kunsill tal-UE, il-Ministri għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji ngħaqdu mal-Gvernaturi tal-Banek Ċentrali Nazzjonali (BĊN) u parteċipanti oħra biex jaqsmu fehmiet dwar suġġetti attwali relatati mal-qasam ta' kompetenza tagħhom.
L-ECOFIN huwa responsabbli għall-politika tal-UE fi tliet oqsma ewlenin, jiġifieri l-politika ekonomika, il-kwistjonijiet ta' tassazzjoni u r-regolament tas-servizzi finanzjarji. Hu ffurmat minn Ministri tal-Ekonomija u l-Finanzi mill-istati membri kollha tal-UE li ġeneralment jiltaqgħu darba fix-xahar.
Is-suġġetti ewlenin indirizzati f'din il-laqgħa informali ta' jumejn kienu jinkludu: l-effett tat-tibdil fil-klima fuq l-istabbiltà tas-sistemi finanzjarji u x'tip ta' politika fiskali għandha tiġi segwita fis-snin li ġejjin; is-suġġett tal-adattament tar-riforma tat-taxxa korporattiva għall-era diġitali; u l-għażliet għall-għoti ta' drittijiet ta' prelevament tal-FMI lil pajjiżi vulnerabbli.
Matul is‑sessjoni tal‑Ġimgħa waranofsinhar, il‑Gvernatur Scicluna tkellem fil‑qosor dwar l-irwol tal‑BĊE fil‑ġlieda kontra t‑tibdil fil‑klima u l‑effetti negattivi li qiegħed iġib miegħu. Fl-intervent tiegħu, huwa argumenta li meta wieħed jaħseb fuq il-protesti quddiem il-binja tal-BĊE, m'hemmx dubji f'moħħ in-nies li l-istituzzjoni ma tistax tibqa' tinjora l-aġenda dwar it-tibdil fil-klima. Madankollu, ix‑xettiċi jistgħu jargumentaw li la t‑Trattati u lanqas il‑mandat tal‑BĊE ma jagħtu lill‑Bank xi rwol jew kompetenzi espliċiti f'dan il‑qasam.
Dwar dan is-suġġett, il‑Gvernatur Scicluna indika li jista' jsir parallel bejn l‑intervent fuq it‑tibdil fil‑klima u r‑rispons għall‑pandemija tal-COVID-19. Għalhekk, "bħall-klima, it-Trattati u l-mandat ma jagħmlu l-ebda referenza għall-pandemija. Madankollu, il-prospetti ekonomiċi u l-laqgħat tal-politika monetarja ma jagħmlux sens kieku l-progress tal-pandemija jitħalla barra." Barra minn hekk, fakkar li ġew introdotti ħafna strumenti ġodda biex jindirizzaw l-effetti ekonomiċi tal-pandemija u r-riskji għall-istabbiltà finanzjarja.
Għalhekk, il‑Gvernatur Scicluna kkonkluda li: "Il‑BĊE m'għandux ikun mistenni li jwaqqa' l‑għan ewlieni tiegħu ta' stabbiltà fil‑prezzijiet meta jindirizza suġġetti bħat‑tibdil fil‑klima u l‑COVID. Iżda fl-istess ħin, wieħed jemmen li l-Kunsill Governattiv tiegħu għandu jsib modi u strumenti li jikkomplimentaw l-għodod fiskali eżistenti sabiex ikun jista' jikkoreġi dak li jista' jitqies bħala l-bażi tal-fallimenti tas-suq. Fil-fatt, ir-riperkussjonijiet negattivi tat-tibdil fil-klima kienu sottovalutati b'mod sinifikanti għal ħafna snin."
