Rokna tal-Gvernatur

Il-Gvernatur Scicluna jipparteċipa fil-Laqgħat Annwali tal-FMI u tal-Bank Dinji

Il‑Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta' Malta, il‑Professur Edward Scicluna, ipparteċipa fil‑Laqgħat Annwali tal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) u tal‑Grupp tal‑Bank Dinji (WBG), li qed isiru f'Washington D.C. f'format ibridu bejn it-12 u s-17 ta' Ottubru 2021. Iż-żewġ fora jlaqqgħu flimkien lil dawk li jfasslu l-politika, esperti ewlenin fil-qasam kif ukoll firxa ta' NGOs sabiex jiddiskutu kwistjonijiet ta' tħassib globali. Il-laqgħat ta' din is-sena ffukaw l-aktar dwar il-pandemija tal-COVID-19, it-tibdil fil-klima u l-bini ta' ekonomija globali aktar reżiljenti u sostenibbli.

Wara proċeduri ta' votazzjoni mill-Gvernaturi tal-FMI u l-WBG, il-Gvernatur ta' Malta nħatar biex iservi bħala membru tal-Kumitat Konġunt għall-Proċeduri (JPC) għas-sena d-dieħla. Barra minn hekk, Malta ser tkun ukoll parti mill-Kumitat għall-Proċeduri tal-Aġenzija Multilaterali għall-Garanzija ta' Investiment (MIGA). Dawn il-kumitati huma maħsuba biex iservu bħala korpi konsultattivi.

Fi stqarrija li ngħatat lill-parteċipanti tal-Laqgħat Annwali, il-Gvernatur Scicluna enfasizza l-importanza tal-allokazzjoni storika ġenerali tal-SDR ta' US$650 biljun li seħħet f'Awwissu hekk kif "iġġenerat riżervi addizzjonali sostanzjali għal swieq emerġenti u pajjiżi bi dħul baxx". Hu appoġġa bis-sħiħ ukoll l-Inizjattiva dwar is-Sospensjoni tas-Servizz tad-Dejn (DSSI) - li ser tippermetti t-trattament ordnat tad-dejn ta' pajjiżi eliġibbli - kif ukoll il-pjan ambizzjuż tagħhom li jitlaqqmu mill-inqas 40% u 60% tal-popolazzjoni ta' kull pajjiż sal-aħħar tal-2021 u nofs l-2022 rispettivament.

Fir-rigward tal-isfidi li ħolqot il-pandemija, b'mod partikolari t-tnaqqis tal-inugwaljanzi fid-distribuzzjoni tat-tilqim bejn l-ekonomiji avvanzati u l-ekonomiji bi dħul baxx, il-Professur Scicluna qal li "il-bżonn ta' soluzzjoni għall-qasma dejjem tikber fid-distribuzzjoni tat-tilqim madwar id-dinja tfisser mhux biss ħtieġa ekonomika, iżda importanza morali."

Rigward l‑urġenza li jiġi indirizzat it‑tibdil fil‑klima, il‑Gvernatur faħħar il‑Pjan ta' Azzjoni dwar it‑Tibdil fil‑Klima tal‑Bank Dinji għall‑2021-2025 u esprima s-sapport għall‑għanijiet maħsuba tiegħu - speċjalment iż‑żieda fil‑finanzjament għall‑klima u l‑mobilizzazzjoni tal‑kapital privat.

Il-Gvernatur Scicluna jipparteċipa fil-Laqgħat Annwali tal-FMI u tal-Bank Dinji

Il-Gvernatur Scicluna pparteċipa fil-Laqgħat Annwali tal-FMI u tal-Grupp tal-Bank Dinji bejn it-12 u s-17 ta’ Ottubru 2021