Rokna tal-Gvernatur

Il‑Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta’ Malta jipparteċipa fil‑laqgħa tal‑kostitwenza tal‑FMI u tal-Grupp tal-Bank Dinji f’San Marino

Ministri, Gvernaturi tal-Banek Ċentrali u uffiċjali għolja mill-Albanija, il-Greċja, l-Italja, Malta, il-Portugall, San Marino u Timor-Leste ltaqgħu f'San Marino nhar il-Ġimgħa għal laqgħa tal-kostitwenza tal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) u tal-Grupp tal-Bank Dinji (WBG). Parteċipanti oħra fil-laqgħa kienu jinkludu d-Diretturi Eżekuttivi Federico Giammusso u Matteo Bugamelli, li jirrappreżentaw il-kostitwenza fl-FMI u l-WBG rispettivament.

Fost is-suġġetti diskussi kien hemm id-direzzjoni u l-prijoritajiet politiċi tal-FMI u l-WBG, il-futur tal-munita u l-enerġija.

Għal din il-laqgħa tal-kostitwenza f'San Marino, il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta' Malta, il-Professur Edward Scicluna, kien akkumpanjat mid-Deputat Gvernatur Alexander Demarco. It-tnejn kienu parti mid-delegazzjoni Maltija, flimkien mal-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol, l-Onorevoli Clyde Caruana, u s-Segretarju Permanenti tal-Ministeru Mr Paul Zahra.

Il-laqgħa tal-kostitwenza ta' din is-sena f'San Marino kienet l-ewwel laqgħa bħal din mill-2020, hekk kif dawk ippjanati għall-2021 u l-2022 kienu ġew ikkanċellati minħabba l-imxija tal-pandemija tal-COVID-19.

Ritratt tal-Grupp - Laqgħa tal-Kostitwenza tal-FMI-WBG f’San Marino
Ritratt tal-Grupp - Laqgħa tal-Kostitwenza tal-FMI-WBG f’San Marino