- Home
-
- Rokna tal-Gvernatur
-
- Il-Gvernatur Scicluna jilqa’ d-Delegazzjoni tal-Fond Monetarju Internazzjonali fil-Bank Ċentrali ta’ Malta
Il-Gvernatur Scicluna jilqa’ d-Delegazzjoni tal-Fond Monetarju Internazzjonali fil-Bank Ċentrali ta’ Malta
Fit-12 ta’ Lulju 2022, il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, il-Professur Edward Scicluna, laqa’ delegazzjoni ta’ ħames persuni mill-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) immexxija minn Kotaro Ishi matul il-programm tagħhom ta’ ġimgħa bħala parti mil-laqgħat tal-missjoni ta’ tħejjija tal-Artikolu IV tal-FMI f’Malta.
Din iż-żjara ta’ ġimgħa tal-FMI hija organizzata mill-Uffiċċju tal-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta li matulha d-delegazzjoni tal-FMI tiltaqa’ ma’ għadd ta’ regolaturi finanzjarji, ministeri tal-gvern, entitajiet pubbliċi u msieħba soċjali rispettivi. Matul iż-żjara fil-Bank Ċentrali ta’ Malta, il-Bank kien rappreżentat mill-Gvernatur, Deputati Gvernaturi, Chief Officers u uffiċjali oħra.
Il-Missjoni tal-Artikolu IV tal-FMI ser tagħmel iż-żjara ta’ evalwazzjoni annwali tagħha f’Malta lejn l-aħħar ta’ din is-sena.

L-ewwel Ringiela: Mix-xellug — id-Deputat Gvernatur tal-Bank Mr Alexander Demarco, il-Kap tal-Missjoni tal-FMI Kotaro Ishi,
il-Gvernatur tal-Bank il-Professur Edward Scicluna, id-Deputat Gvernatur tal-Bank Mr Oliver Bonello.
It-Tieni Ringiela: Delegazzjoni tal-FMI mix-Xellug – Mahir Binici, Rafael Barbosa, Annalisa Korinthos, Farid Boumediene.
Ritratt: Melvin Bugeja