Il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali jindirizza l-Laqgħa tal-Commonwealth 2021
Il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta' Malta, il-Professur Edward Scicluna, indirizza l-Laqgħa tal-Gvernaturi tal-Banek Ċentrali fi ħdan il-Commonweath li saret b'mod virtwali, it-Tnejn 11 t'Ottubru 2021. Din il-laqgħa, organizzata flimkien mal-Laqgħa tal-Ministri għall-Finanzi fi ħdan l-istess Commonwealth, iġġib flimkien l-aktar persuni importanti fit-teħid ta' deċiżjonijiet ekonomiċi mill-54 stat membru tal-organizzazzjoni.
F'din l-edizzjoni, l-aġenda tal-laqgħa kienet iffukata fuq il-Muniti Diġitali maħruġa mill-Banek Ċentrali kif ukoll il-Programm tal-Commonwealth dwar il-Fintech. L-aġenda rriflettiet il-bidla qawwija xprunata mid-diġitalizzazzjoni u offriet l-opportunità lill-Gvernaturi li jiddiskutu l-isfidi li ġejjin u li jaqsmu l-esperjenzi tagħhom.
Kienu bosta Banek Ċentrali tal-Commonwealth li rrrappurtaw li niedu inizjattivi u proġetti pilota sabiex janalizzaw l-impatt ta' dawn il-muniti diġitali.
Fid-diskors tiegħu, il-Gvernatur Scicluna qal ukoll li t-trasformazzjonijiet diġitali "offrew opportunitajiet kbar għal aktar effiċjenza, jagħmluha aktar faċli biex isiru trasferimenti transkonfinali, jippromovu l-inklużjoni finanzjarja u/jew joħolqu sinergiji ġodda. Madankollu dan mhux mingħajr riskji". Għaldaqstant huwa ssuġġerixxa kawtela kif ukoll tisħiħ f'dik li hi kooperazzjoni internazzjonali.
Il-Gvernatur ikkonkluda l-intervent tiegħu billi qal: "Ejja ma nħallux l-urġenza tieħu preċedent fuq l-importanza. Il-bidla diġitali qiegħda hawn biex tibqa'. Issa f'idejna biex niddeċiedu jekk dan isirx b'mod xieraq jew le".

Il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, il-Professur Edward Scicluna, id-Deputat Gvernatur, Alexander Demarco u Dr Kalina Koleva waqt il-Laqgħa tal-Gvernaturi tal-Banek Ċentrali fi ħdan il-Commonwealth

Il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, il-Professur Edward Scicluna, jagħmel l-intervent tiegħu dwar il-bidla diġitali

Waqt il-laqgħa kien hemm diskussjonijiet interessanti bejn l-uffiċjali għoljin mill-Banek Ċentrali tal-Commonwealth dwar il-Fintech u l-muniti diġitali maħruġa mill-Banek Ċentrali