Stabbilità f’xenarju finanzjarju li qed jinbidel – Seminar dwar ir-rapport ta’ Stabbilità Finanzjarja 2022
Illum, il-Bank Ċentrali ta' Malta organizza s-seminar annwali li jitratta r-Rapport ta' Stabbilità Finanzjarja (FSR) bit-tema 'L-istabbilità f'xenarju finanzjarju li qed jinbidel.' Dan is-seminar iffoka fuq il-15-il edizzjoni tar- rapport ta' stabbilità finanzjarja, maħruġ mil-Bank, li analizza l-iżviluppi f'dan il-qasam li seħħew fl-2022.
Fid-diskors tal-ftuħ, il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta' Malta, il-Professur Scicluna qal li "sistema finanzjarja stabbli u reżiljenti hija l-pedament essenzjali għall-istabbiltà tal-prezzijiet. Fi żminijiet ta' stress, il-banek ċentrali jridu jaġixxu malajr sabiex jerġgħu jistabbilixxu kundizzjonijiet tas-suq ordinat u jiżguraw l-istabbiltà finanzjarja." Huwa qal ukoll li bħala l-Awtorita' makroprudenzjali, il-Bank huwa impenjat li jkompli jaħdem mal-partijiet interessati u l-awtoritajiet l-oħra kollha sabiex jibqa' jwettaq il-mandat tiegħu - iġifieri dak li jipprovdi stabbiltà finanzjarja u soluzzjonijiet ta' politika bbażati fuq ir-riskju u mnebbħa mill-evidenza.