Rokna tal-Gvernatur

Il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali pparteċipa b'mod virtwali fil-laqgħa tal-kostitwenza tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ)

Il‑Gvernatur tal‑Bank Ċentrali, il‑Professur Edward Scicluna pparteċipa b'mod virtwali fil‑laqgħa tal‑kostitwenza tal‑Bank Ewropew għar‑Rikostruzzjoni u l‑Iżvilupp (BERŻ) li tagħha Malta tifforma parti. Il-laqgħa saret f’Astana, il‑Każakistan, nhar il‑Ħamis 2 ta’ Marzu 2023.

Fil-preżenza ta’ Gvernaturi, Diretturi u Uffiċjali għolja mill-Awstrija, Ċipru, l-Iżrael, il-Każakistan kif ukoll Malta, flimkien mad-Direttur tal-Kostitwenza Leander Treppel, id-diskussjoni ewlenija ffukat dwar l-isfidi li jirriżultaw mit-tibdil fil-klima u l-isforzi tal-BERŻ biex jappoġġja azzjoni klimatika effettiva fil-pajjiżi fejn jopera. Suġġetti oħra kienu jinkludu l-prestazzjoni tal-Bank matul is-sena li għaddiet, il-kunflitt kontinwu fl-Ukrajna u l-Laqgħa Annwali li jmiss tal-2023 fl-Użbekistan.

Il‑Gvernatur Scicluna tkellem dwar is‑sorsi ta’ inflazzjoni li jaffettwaw lill‑pajjiżi fil‑kostitwenza, u sostna li hija l‑inflazzjoni ewlenija li għandna nkunu qed nissorveljaw, fid‑dawl tal‑persistenza tagħha.