Il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta jindirizza l-Plenarja tal-BERŻ f’Marrakech
Il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta' Malta, il-Professur Edward Scicluna, indirizza s-sessjoni plenarja matul il-wieħed u tletin laqgħa annwali tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) li saret bejn l-10 u t-12 ta’ Mejju 2022 f’Marrakech, il-Marokk.
Il-Gvernatur Scicluna esprima s-simpatija u s-solidarjetà tiegħu mal-poplu Ukren u rrifletta dwar l-isfidi li ġabet magħha din ir-realtà traġika. Bħala Stat Membru Mediterranju, il-Gvernatur Scicluna rrikonoxxa l-ħidma kontinwa tal-BERŻ dwar l-espansjoni inkrimentali lejn pajjiżi ġodda ta’ operazzjoni fir-reġjun tal-Magreb. Il-Gvernatur Scicluna laqa’ ż-żieda tal-Banek tal-Alġerija u tal-Emirati Għarab Magħquda bħala l-membri ġodda.
Fil-marġini tal-laqgħa, il-Professur Scicluna ltaqa’ ma’ għadd ta’ uffiċjali tal-BERŻ inklużi l-President Ms Odile Renaud-Basso u s-Segretarju Ġenerali tal-BERŻ, Mr Kazuhiko Koguchi, u diversi gvernaturi ta’ Banek oħrajn, li magħhom il-Gvernatur Scicluna kellu l-opportunità li jagħti l-prospetti tal-pajjiż dwar l-iżvilupp fir-reġjun tan-Nofsinhar tal-Mediterran.
Il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta' Malta, il-Professur Edward Scicluna, u s-Segretarju Ġenerali tal-BERŻ, Mr Kazuhiko Koguchi