Rokna tal-Gvernatur

Il‑Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta’ Malta jattendi t-30 Laqgħa Annwali tal‑BERŻ

Il‑Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, il-Prof. Edward Scicluna, attenda t‑30 Laqgħa Annwali tal‑Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) li saret fl‑1 ta' Lulju 2021. Dan huwa l-avveniment ewlieni fiċ-ċiklu annwali tal-BERŻ - li jgħaqqad flimkien il-Bord tal-Gvernaturi (l-ogħla korp li jieħu d-deċiżjonijiet tal-BERŻ) u l-Forum tan-Negozju (opportunità għal interazzjoni ma' sezzjoni trażversali wiesgħa ta' klijenti kummerċjali minn madwar id-dinja).

Stabbilit fl-1991, il-BERŻ huwa istituzzjoni ddedikata għall-promozzjoni tat-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli u l-ħolqien ta' settur privat b'saħħtu. Disgħa u sittin pajjiż, l-Unjoni Ewropea u l-Bank Ewropew tal-Investiment huma l-azzjonisti tal-BERŻ. Jopera fi kważi 40 ekonomija fl-Ewropa, fl-Asja u fl-Afrika li huma impenjati u li qed japplikaw il-prinċipji tad-demokrazija multipartitika, il-pluraliżmu u l-ekonomija tas-suq.

Din is-sena tfakkar it-30 anniversarju tal-istituzzjoni. Minħabba r-restrizzjonijiet tal-COVID-19, il-laqgħa saret virtwali u għaliha attendew aktar minn 50 delegazzjoni. Malta, membru fundatur tal-Bank, hija rrappreżentata fuq il-Bord tal-Gvernaturi tal-BERŻ mill-Gvernatur tal-Bank Ċentrali - Prof. Edward Scicluna - u mill-Ministru għall-Finanzi u l-Impjiegi Clyde Caruana.

Matul il-laqgħa tal-Bord tal-Gvernaturi, ġew approvati diversi riżoluzzjonijiet li jinkludu proposta biex l-attivitajiet tal-BERŻ jiġu allinjati bis-sħiħ mal-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2022, proposta biex tiġi studjata espansjoni limitata u inkrementali tal-attivitajiet tal-istituzzjoni għall-Afrika Sub-Saħarjana u l-Iraq, u diversi rapporti finanzjarji u istituzzjonali.

Waqt li indirizza l-Bord tal-Gvernaturi, il-Professur Scicluna talab sforz mill-atturi kollha mill-komunità tal-iżvilupp biex jirriflettu dwar inizjattivi li jindirizzaw it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u argumenta li "dan huwa wieħed mill-ftit mumenti importanti fl-istorja meta d-dinja ma tistax taffordja li tieħu deċiżjonijiet ħżiena". Il‑Gvernatur Scicluna talab ukoll lill‑BERŻ sabiex jikkoopera ma' Banek Multilaterali oħra għall‑Iżvilupp biex jagħti spinta lill‑investiment fil‑pajjiżi ta' operat fl‑Afrika ta' fuq, magħruf bħala SEMED.

Il‑Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta’ Malta jattendi t-30 Laqgħa Annwali tal‑BERŻ