Il-Prim Ministru ħatar lil Dr Lauren Ellul B.Accty. (Hons), M.B.A. (Exec.) (Edin. & E.N.P.C.), F.I.A., C.P.A., Ph.D. (Birm.) biex isservi bħala Direttur tal-Bank Ċentrali skont l-Att (Kap. 204) għal perjodu ta' ħames snin b'effett mit-2 ta' Frar 2022.
Dr Ellul għandha grad ta' Baċellerat bl-Unuri fl-Accountancy mill-Università ta' Malta, Masters Eżekuttiv fl-Amministrazzjoni tan-Negozju, akkreditata mill-Università ta' Edinburgh flimkien mal-École Nationale des Ponts (ENPC) School of International Management Paris u mill-KPMG u għandha Dottorat fil-Filosofija mill-Università ta' Birmingham.
Dr Ellul hija Kontabilista Pubblika Ċċertifikata u għandha Ċertifikat għall-Prattika fil-Verifika. Hija wkoll Membru Fellow tal‑Istitut Malti tal‑Kontabilisti.
Dr Ellul hija l-Kap tad-Dipartiment tal-Accountancy fil-Fakultà tal-Ekonomija, il-Management u l-Accountancy fl-Università ta' Malta. Hija membru tal-Bord tal-Gvernaturi tal-Awtorità tal-Artijiet. Serviet bħala membru tal‑Bord tal‑Gvernaturi tal‑Awtorità għas‑Servizzi Finanzjarji ta' Malta mill‑2015 sal‑2020 u kienet il-President tal‑Kumitat tal‑Verifika tal‑Awtorità mill‑2018 sal‑2020.
Dr Ellul ħadmet fi ħdan il-funzjoni Konsultattiva ta' kumpanija tal-kontabilità li hija waħda mill-Big-4 għal għadd ta' snin u ħaddnet il-kariga ta' Senior Manager fi ħdan it-tim tal-Corporate Finance. Mexxiet impenji li jipprovdu assistenza lill-klijenti, inklużi ħafna mill-entitajiet elenkati fil-Borża lokali, fir-rigward tal-valutazzjonijiet tan-negozji u l-investimenti fl-ishma, il-ġbir ta' finanzjament tad-dejn u l-ekwità, il-konsulenza dwar il-kontabilità, l-ippjanar tan-negozju, ir-reviżjonijiet finanzjarji, il-valutazzjonijiet għal skopijiet ta' rapportar finanzjarju u reviżjonijiet ta' indeboliment.
|