Postijiet vakanti
Bħala parti mill‑istrateġija tal‑iżvilupp tiegħu, il‑Bank Ċentrali ta’ Malta b’mod regolari jistieden lill‑individwi li għandhom kwalifiki akkademiċi u professjonali ta' livell għoli u li huma interessati f'impjieg mal‑Bank, biex jirreġistraw dan l‑interess. Il‑kwalifiki mfittxija mill‑Bank huma lawrji mogħtija minn universitajiet ta' reputazzjoni tajba fl‑oqsma tal‑Ekonomija, l‑Ekonometrika, is‑Servizzi Bankarji u l‑Finanzi, l‑Istatistika, l‑ICT u dixxiplini relatati. Applikanti li huma interessati f'karriera fil‑Bank Ċentrali ta’ Malta huma għalhekk mitluba jibagħtu bl‑email CV dettaljat, fejn jindikaw l‑oqsma tal‑kompetenza tagħhom u l‑interessi tagħhom fir‑rigward tal‑karriera.
Kwalunkwe data personali għandha tiġi pproċessata skont ir‑rekwiżiti tal‑leġiżlazzjoni lokali u tal‑UE applikabbli dwar il‑protezzjoni tad‑data inkluż ir‑Regolament Ġenerali dwar il‑Protezzjoni tad‑Data (Regolament (UE) 2016/679) magħrufa bħala “GDPR”. Kwalunkwe data personali ser tkun viżibbli biss għal numru limitat ta' impjegati tal‑Bank Ċentrali ta’ Malta u ser tintuża biss għal skopijiet ta’ reklutaġġ. Il‑perjodu ta’ żamma ta’ din id‑data personali huwa skont l‑istrateġija ta' żamma tad‑dokumenti tal‑Bank. Il-kandidati li jissottomettu applikazzjoni għal impjieg mal-Bank Ċentrali ta' Malta għalhekk qed jagħtu l‑kunsens tagħhom biex id‑data personali tagħhom tiġi pproċessata mill-bord tal-għażla maħtur rispettiv biex jevalwa l-eliġibilità tal-kandidati għall-pożizzjoni li għaliha saret l-applikazzjoni. Skont il‑GDPR, l‑applikanti għandhom dritt ta' aċċess u ta’ portabilità tad‑data personali tagħhom, kif ukoll id‑dritt li jirrettifikaw, iħassru u jirrestrinġu d‑data personali tagħhom u li joġġezzjonaw għall‑ipproċessar u kif ukoll id‑dritt li jirtiraw il‑kunsens tagħhom. Ilmenti dwar il‑protezzjoni tad‑data jistgħu jintbagħtu wkoll lill‑Uffiċċju tal‑Kummissarju għall‑Informazzjoni u l‑Protezzjoni tad‑Data permezz tas‑sit elettroniku www.idpc.org.mt.
Il-Bank Ċentrali ta’ Malta huwa impjegatur inklussiv u jinkoraġġixxi applikazzjonijiet minn kandidati irrispettivament mis-sess tagħhom, l-identità tal-ġeneru, l-etniċità, l-orjentazzjoni sesswali, l-età, ir-reliġjon, id-diżabilità jew karatteristiċi oħra.