Rokna tal-Gvernatur

Workshop Annwali tar-Riċerka tal-Bank Ċentrali

Il-Ġimgħa 18 ta’ Novembru 2022, ir-Research Department tal‑Bank Ċentrali ta’ Malta organizza Research Workshop ta’ nofstanhar li matulu nieda r-Research Bulletin annwali tal-Bank. Il-Bulletin, issa fil-ħames edizzjoni tiegħu, huwa l-pubblikazzjoni ewlenija tar-riċerka annwali tal-Bank li juri, b’mod konċiż u li jinftiehem aħjar, għażla tar-riċerka u jagħmilha disponibbli għal udjenza usa’. 

ARW 2022

Il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, il-Professur Edward Scicluna, ta bidu għal dan il-workshop. Fl-introduzzjoni tiegħu, il-Professur Scicluna ta ħarsa ġenerali lejn l-erba’ artikli fir-Research Bulletin, li ttrattaw is‑sejbiet ta’ stħarriġ fuq skala kbira dwar il-finanzi u x‑xejriet tal‑konsum tal‑households, id‑differenzi bejn kirjiet irreklamati u dawk reġistrati, l‑effetti makroekonomiċi diretti tal‑fond RRF fuq l‑ekonomija Maltija u, fl‑aħħar nett, dwar l‑istima tal‑mudell strutturali tal‑Bank b’metodi Bayesian l‑aktar avvanzati. Il‑Professur Scicluna nnota kif dawn l‑artikli huma biss kampjun tat‑tip ta’ riċerka mwettqa mill‑ekonomisti tal‑Bank. Innota li fl-2021 il-Bank ippubblika total ta’ erbgħin riżultat differenti ta’ riċerka, li jvarjaw minn siltiet jew artikli ta’ riċerka fil-pubblikazzjonijiet regolari tiegħu, policy notes, working papers u studji f’ġurnali internazzjonali riveduti mill-pari. Il-Bulletin, flimkien mal-firxa dejjem aktar diversifikata ta’ pubblikazzjonijiet u studji ekonomiċi mill-Bank, huwa disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit elettroniku.

Aqra iktar hawn.